Proġett koordinat mal-Aġenzija Żgħażagħ

Home / Past Events / Proġett koordinat mal-Aġenzija Żgħażagħ
Proġett koordinat mal-Aġenzija Żgħażagħ

Proġett koordinat mal-Aġenzija Żgħażagħ

F’dawn l-aħħar ġimagħtejn, fl-iskola tagħna St.Joseph Tas-Sliema, ġew organizzati laqgħat virtwali b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ għall-istudenti tar-raba’ u l-ħames livell. Din l-Aġenzija ilha għal snin sħaħ taħdem biex tilħaq l-eżiġenzi taż-żgħażagħ u tiżviluppa programmi adegwati li l-fus tagħhom ikun iż-żagħżugħ innifsu.

 

L-istudenti tar-raba’ livell f’għatba ’l bogħod mill-għażla tal-karrieri tagħhom ingħataw taħriġ li jdur mat-titlu l-karriera l-għażla tiegħek. Dan il-punt ġie enfasizzat diversi drabi għaliex l-għażla tal-karriera trid iddur ma’ dak li l-istudenti jħossuhom inklinati lejh.  Mal-istudenti ġie diskuss x’passi għandhom jieħdu ġaladarba jitilqu mill-iskola. Ġie msemmi wkoll kemm hu importanti li jkollhom pjan u kif jistgħu jorganizzaw ħinhom b’mod għaqli. Saħqu wkoll  mal-istudenti fuq kemm hu importanti li jitgħallmu jitilgħu fil-wiċċ wara telfa. Issemmiet ukoll l-importanza tal-ħiliet li ma jiġux miksuba mill-iskola iżda b’attivitajiet li fihom ikun hemm gruppi jew b’xogħol volontarju.  Dan kollu ġie diskuss f’ambjent fejn fih saru logħob interattivi biex jintlaħaq l-għan aħħari.

 

Bħala skola, aħna għandna l-irwol li nedukaw mhux biss biex l-istudenti jiksbu ċ-ċertifikati li bihom jinfetħu diversi opportunitajiet iżda wkoll nemmnu fl-edukazzjoni li tagħmel lill-istudenti responsabbli fi ħdan in-nazzjon. Edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza hija ħtieġa partikolarment għall-istudenti tal-ħames livell li f’tebqa t’għajn daqt iħallu l-iskola u jsibu ruħhom f’ċirkustanzi fejn iridu jipprattikaw ċertu dmirijiet.  Dawn l-istudenti fis-sena li ġejja se jkunu eleġibbli li jivvutaw u għaldaqstant ħassejna l-ħtieġa li magħhom niddiskutu temi bħal; kif għandek tivvota, xi kwalitajiet għandek tfittex f’mexxej ta’ pajjiż, kif jiżnu l-propagandi u ma jibqgħux jibilgħu r-ross bil-labra imma jħaddmu moħħhom u jġibu quddiem għajnejhom il-ġid tan-nazzjon. Għalkemm b’mod virtwali mal-membri tal-Aġenzija, l-istudenti pparteċipaw u wrew ix-xewqa tat-twettiq ta’ programmi simili.

 

Dawn il-programmi nħossu li kienu għodda essenzjali li nemmnu għandha tkun parti mill-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti tagħna. Nirringrazzjaw lill-Aġenzija Żgħażagħ li qed tiżviluppa tematiċi simili u tiddiskutihom mal-istudenti fil-klassijiet.

 

Sa Nathalie Camilleri